xandar il-kelma,

Fake News Jew?

P. Claudio Borg O.P. P. Claudio Borg O.P. Follow May 04, 2019 · 5 mins read
Fake News Jew?
Share this

Sa minn meta l-internet beda jkun għad-dispożizzjoni tagħna, il-Knisja dejjem fittxet li tippromwovi l-użu tiegħu biex in-nies jiġu aktar flimkien u biex ikun mezz ta’ solidarjetà bejn kulħadd. B’dan il-messaġġ nixtieq li għal darb’oħra nistedinkom tirriflettu fuq kemm hi ħaġa bażika u importanti li nkunu f’relazzjoni bejnietna u biex, f’dan il-baħar ta’ sfidi fil-kuntest komunikattiv tal-lum, niskopru mill-ġdid ix-xewqa tal-bniedem li ma jibqax waħdu, fis-solitudni tiegħu.

Il-metafora tan-“net” u tal-“komunità”

Illum, l-ambjent tal-midja tant sar mifrux li ma jintgħarafx mill-isfera tal-ħajja ta’ kuljum. In-netwerk huwa riżorsa ta’ żmienna. Hu għajn ta’ għarfien u relazzjonijiet li qatt ma konna noħolmuhom. Madankollu, hemm bosta esperti li meta jiġu biex jitkellmu dwar il-bidliet profondi li bihom it-teknoloġija qed timmarka l-loġika tal-produzzjoni, taċ-ċirkolazzjoni u tal-użu tal-kontenut, dawn jisħqu wkoll fuq ir-riskji li jheddu t-tfittxija u l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni awtentika fuq skala globali. Jekk l-internet hu tassew possibbiltà straordinarja ta’ aċċess għall-għarfien, huwa veru wkoll li dan hu wieħed mill-postijiet l-aktar esposti għall-informazzjoni żbaljata u għat-tgħawwiġ konxju u immirat tal-fatti u tar-relazzjonijiet interpersonali, li spiss jintużaw biex itellfu l-krettu. Hemm bżonn nagħrfu li jekk min-naħa l-waħda n-netwerks soċjali jservu biex jgħaqqduna, biex insibu u ngħinu lil xulxin, min-naħa l-oħra dawn jiffaċilitaw l-użu manipulattiv ta’ informazzjoni personali, bl-għan ta’ vantaġġ fuq livell politiku jew ekonomiku, mingħajr rispett lejn il-persuna u d-drittijiet tagħha. L-istatistika turi li fost iż-żgħażagħ, wieħed minn kull erbgħa hu involut f’episodji ta’ cyberbulling[1]

Fil-kumplessità ta’ dan ix-xenarju, forsi jiswa li mmorru lura lejn il-metafora tan-netwerk li tpoġġiet fil-bidu bħala l-bażi tal-internet, biex nirriflettu u niskopru mill-ġdid il-potenzjal pożittiv tagħha. Il-figura tan-netwerk tistedinna biex nirriflettu fuq l-għadd kbir ta’ linji u kif dawn jidħlu f’xulxin, xi ħaġa li tiżgura l-istabbiltà tan-netwerk minkejja li m’hemmx ċentru, li m’hemmx struttura ġerarkika, forma ta’ organizzazzjoni vertikali. In-netwerk jiffunzjona grazzi għas-sehem flimkien tal-elementi kollha.

Jekk inħarsu lejn id-dimensjoni antropoloġika tal-metafora tan-netwerk, din tfakkarna f’figura oħra mimlija tifsiriet: dik tal-komunità. Aktar ma komunità tfittex li tkun magħquda u solidali, aktar ma tkun animata minn sentimenti ta’ fiduċja u tfittex objettivi komuni, aktar tkun b’saħħitha. Il-komunità bħala netwerk ta’ solidarjetà teħtieġ is-smigħ reċiproku u d-djalogu mibni fuq l-użu responsabbli tal-kelma.

Fix-xenarju preżenti, ilkoll nistgħu naraw b’mod ċar li s-social network community mhijiex awtomatikament sinomina ma’ komunità. Fl-aħjar każi, dawn is-sistemi jirnexxilhom jagħtu prova ta’ għaqda u solidarjetà, iżda spiss jibqgħu sempliċiment gruppi ta’ individwi li jirrikonoxxu lil xulxin permezz ta’ interessi komuni jew tħassib karatterizzat minn rabtiet dgħajfa. Barra minn hekk, ħafna drabi fil-web soċjali l-identità tkun imsejsa fuq l-oppożizzjoni fil-konfront tal-persuna l-oħra, li tkun barranija għall-grupp. Wieħed iħares aktar lejn dak li jifred milli lejn dak li jgħaqqad, filwaqt li jagħti lok għas-suspett u għal sfog ta’ kull tip ta’ preġudizzju (etniku, sesswali, reliġjuż u oħrajn). Din it-tendtenza tinkoraġġixxi gruppi li jeskludu d-diversità u li anki fl-ambjent diġitali jappoġġaw individwaliżmu sfrenat, waqt li xi drabi jispiċċaw biex jispiraw mibegħda. Hekk, dik li suppost tkun tieqa fuq id-dinja ssir vetrina li fiha wieħed jesibixxi n-narċiżiżmu personali.

In-netwerk hu opportunità li twassalna biex ningħaqdu mal-oħrajn, iżda jista’ wkoll isaħħaħ l-awto-iżolament tagħna, għax kapaċi jkun bħal għanqbuta li taqbadna fin-nassa tagħha. Iż-żgħażagħ huma dawk l-aktar esposti biex jilludu ruħhom u jaħsbu li l-web soċjali tista’ tissodisfahom għal kollox fuq livell relazzjonali. Dan qed iġib miegħu l-fenomenu perikoluż ta’ “eremiti soċjali” li jwassal liż-żgħażagħ għar-riskju li jinqatgħu kompletament mis-soċjetà. Din id-dinamika drammatika turi qasma serja fin-nisġa relazzjonali tas-soċjetà, ġerħa li ma nistgħux ninjorawha.

Din ir-realtà multiformi u perikoluża ġġib magħha diversi kwistjonijiet ta’ natura etika, soċjali, ġuridika, politika, ekonomika, u hi sfida wkoll għall-Knisja. Filwaqt li l-gvernijiet qed ifittxu modi legali biex jirregolaw u jipproteġu l-viżjoni oriġinali ta’ netwerk ħieles, miftuħ u sigur, aħna lkoll għandna l-possibbiltà u r-responsabbiltà li nkattru l-użu pożittiv tiegħu

Hi ħaġa ċara li mhux biżżejjed jiżdiedu l-konnessjonijiet biex tikber il-komprensjoni reċiproka. Mela, kif ser nerġgħu nsibu l-identità komunitarja vera filwaqt li nagħrfu r-responsabbiltà li għandna lejn xulxin anki fl-online netwerk “Aħna membri ta’ xulxin”

Nistgħu nwieġbu billi nagħtu ħarsa lejn it-tielet metafora, dik tal-ġisem u l-membri tiegħu li San Pawl juża biex jitkellem dwar ir-relazzjoni ta’ reċiproċità bejn il-bnedmin, mibnija fuq organiżmu li jgħaqqadhom. “Warrbu minnkom il-gideb u għidu l-verità wieħed lill-ieħor, għax aħna membri ta’ xulxin” (Efes 4,25). L-Appostlu qed jisħaq li la aħna membri ta’ xulxin, mela jeħtieġ li nwarrbu l-gideb u ngħidu l-verità: l-obbligu li nħarsu l-verità jiġi mill-ħtieġa li r-relazzjoni ta’ komunjoni ta’ bejnietna ma tkunx gidba. Fil-fatt, il-verità timmanifesta ruħha fil-komunjoni. Min-naħa l-oħra, meta tigdeb tkun qed tiċħad b’mod egoistiku li inti parti mill-ġisem; tkun qed tiċħad li trid tagħti lilek innifsek lill-oħrajn, u hekk tkun qed titlef it-triq waħdanija biex issib lilek innifsek

Il-metafora tal-ġisem u l-membri tiegħu twassalna biex nirriflettu fuq l-identità tagħna, li hi bbażata fuq il-komunjoni u fuq il-fatt li l-oħrajn huma differenti minna. Bħala Nsara, aħna lkoll membri tal-ġisem wieħed li tiegħu Kristu huwa r-ras. Dan jgħinna biex ma nħarsux lejn l-ieħor bħala xi ħadd li jikkompeti magħna, imma biex, anki jekk hu għadu tagħna, narawh bħala persuna. M’hemmx bżonn ta’ avversarju biex niddefinixxu lilna nfusna, għax il-ħarsa ta’ inklużjoni li jgħallimna Kristu twassalna biex niskopru lill-ieħor b’mod ġdid; narawh bħala parti integranti u meħtieġa biex ikun hemm relazzjoni u biex inkunu qrib xulxin.

Kapaċità ta’ din ix-xorta biex il-bnedmin jagħrfu lil xulxin u jikkomunikaw bejniethom b’dan il-mod għandha l-għeruq tagħha fil-komunjoni ta’ mħabba li hemm fit-Tliet Persuni Divini. Alla mhuwiex Solitudni, imma Komunjoni; huwa Mħabba u għalhekk komunikazzjoni, għax l-imħabba tikkomunika dejjem, anzi tikkomunika lilha nnifisha biex tiltaqa’ mal-ieħor. Biex jikkomunika magħna u jagħtina lilu nnifsu, Alla adatta ruħu għal-lingwaġġ tagħna filwaqt li stabbilixxa djalogu veru mal-umanità matul l-istorja (ara Kon. Vatikan II, Dei Verbum, 2).

PAPA FRANĠISKU

Join Newsletter
Get the latest news right in your inbox. We never spam!
P. Claudio Borg O.P.
Written by P. Claudio Borg O.P. Follow
Patri fil-Kunvent tal-Lunzjata