qaddisin dumnikani,

S. MARTIN DE PORRES

P. Claudio Borg O.P. P. Claudio Borg O.P. Follow Apr 03, 2020 · 7 mins read
S. MARTIN DE PORRES
Share this

Alla jħares lejn iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu u jagħmel magħhom ħwejjeġ kbar. Dan il-kliem jgħodd għal Madonna u għallqaddisin fosthom S. Martin de Porres. Kien tfajjel ċkejken li kien abbandunat minn missieru għax kien iswed, trabba fil-faqar, kien imċekken u maħqur. Hu wieġeb b’qalb kbira billi jagħti kollox għal kulħadd: morda, foqra, abbandunati. Kien bniedem tal-għaġeb fejn jidħlu l-fidi, is-sempliċità u l-innoċenza. Alla għanieh b’doni kbar: estasi, profezija u mirakli. Kellu devozzjoni lejn Ġesù Sagramentat u lejn il-Passjoni ta’ Kristu. Kien jgħin lil kulħadd u hekk in-nies kienet tmur għandu bi ħġarha għax kien iħobbhom b’imħabba kbira. Kien jagħmel ħafna sawm u penitenzi u jgħaddi ħinijiet twal jitlob. Fl-1938 huwa ntgħażel bħala protettur tal-koperaturi dumnikani. Fl-1962 ġie proklamat qaddis mill-Papa Ġwanni XXIII.

Qaddej tal-fqar ta’ Kristu

Martin twieled f’Lima, fil-Peru fid-9 ta’ Diċembru 1579 minn Don Juan de Porres, kavallier Spanjol u Anna Velazquez ilsira sewda mill-Panama. Tgħammed filknisja ta’ S. Bastjan. Missieru, għall-bidu ċaħdu billi ttifel wiret il-kulur iswed ta’ ommu. Hu trabba ma’ ommu u oħtu f’kundizzjonijiet ta’ faqar u tbatija. Kien tfajjel umli u b’imħabba speċjali lejn il-morda u l-foqra. Kien iħossu ferħan meta kien jgħinhom fil-ftit ħin li kellu. Meta kellu tmien snin hu u oħtu marru fid-dar ta’ missierhom f’Santiago de Guayaquil, fl-Ecuador fejn ħadu l-edukazzjoni u l-formazzjoni tagħhom għal ħames snin. Minħabba x-xogħol, missierhom mar fil-belt tal-Panama ħalla lil bintu Ġiovanna ma’ zijuh Don Diego de Miranda u ħa lil Martin għand ommu Anna li kienet tgħix ma’ familja Spanjola f’Lima. Hu ħallielhom il-mezzi neċessarji biex it-tifel seta’ jistudja u jitgħallem xi sengħa. Meta kellu tnax-il sena Martin beda jaħdem bħala apprentista mal-kirurgi Matteo Pastor u Francesca Velez Michel li kienu jħobbuh ħafna. Dan ix-xogħol ħadu bis-serjetà: jitgħallem l-użu mediċinali tal-pjanti, jaqla’ s-snien, idewwi l-ġrieħi u jitlob għall-morda. Alla pprovdilu sengħa li biha wettaq ħafna opri tal-karità. Bix-xogħol li kellu fl-isptarijiet, fl-uffiċċju u fid-djar kellu jiddedika l-ħin tat-talb tiegħu billi jnaqqas il-mistrieħ, xi drabi sigħat sħaħ jitlob bil-lejl. Il-fama tiegħu xterrdet ma’ Lima kollha. Kulħadd kien iħobbu għall-ġenerożità u t-tjubija tiegħu. Kien kollox għal kulħadd. Fil-kundizzjonijiet tattbatija dejjem fada fil-providenza t’Alla, tgħallem jgħix flumiltà u saħħaħ imħabbtu lejn Alla u l-proxxmu fil-ħidma mal-foqra u l-morda.

Ħajtu bħala Dumnikan

Id-Dumnikani li kienu telqu minn Spanja kienu waqqfu l-ewwel kunvent tagħhom f’Haiti, fl-1510 iżda xerrdu l-appostolat tagħhom fil-Messiku, fil-Venezwela u fil-Kolumbja. Fl-1530 bdew jevanġelizzaw fil-Peru. Fl-1539 twaqqfet il-provinċja dumnikana tal-Peru. Meta kellu ħmistax-il sena Martin talab biex jidħol koperatur fil-kunvent tal-Madonna tar-Rużarju f’Lima. Hu beda jagħmel xi servizzi fil-komunità bħat-tindif ta’ kuljum. Xi drabi kien jaqla’ xi tgħajjira u jaċċettaha bil-paċenzja. Tant kien ġeneruż li meta l-kunvent kien f’kundizzjonijiet finanzjarji ħżiena hu offra lill-pirjol biex jinbiegħ bħala lsir. L-aħwa fil-komunità bdew jindunaw li fra Martin kien teżor kbir fil-providenza t’Alla. Fit-2 ta’ Ġunju 1603 għamel il-professjoni solenni. Hu impenja ruħu bis-serjetà biex jimxi fit-triq tal-fundatur tiegħu: jitlob quddiem Ġesù Sagramentat, jagħmel penitenza u jimmedita l-Passjoni ta’ Kristu. F’dan iż-żmien kien ħabib ma’ S. Turibju, S. Franġisk Solano, S. Roża u S. Ġwann Macias. Magħhom kien jitkellem fuq il-ħwejjeġ t’Alla u jikber filħajja tal-qdusija.

S. Martin de Porres

Tawmaturgu

S. Martin de Porres ġie mżejjen minn Alla b’kariżmi straordinarji bħal profezija, mirakli, estasi, bilokazzjoni, li hu wettaqhom għas-servizz tal-proxxmu ma’ dawk batuti, foqra u ppersegwitati. Hu kellu d-doni tal-għerf u x-xjenzi tant li fil-preżenza tal-aħwa reliġjużi midħla tat-teoloġija kienu jisimgħuh jikkwota testi mill-Iskrittura u mis-Summa Teoloġika ta’ S. Tumas. Nies minn kull kategorija kienu jmorru għandu biex jagħtihom il-pariri. L-infermerija kienet il-kwartier fejn kien jgħin lill-foqra, l-Indios, nies fil-poter ekkleżjastiku u ċivili. Kien jgħaġġeb lil kulħadd: daqsxejn ta’ fratell koperatur kien iwettaq tant ħwejjeġ kbar. Kien jagħti l-għajnuna lil kulħadd bla distinzjoni ta’ kulur jew klassi. Kien anġlu ta’ mħabba billi jfejjaqhom minn kull xorta ta’ mard bil-paċenzja u lill-midruba u l-mitluqin wara xi inċident jgħinhom f’kull bżonn. Kien jagħti l-aqwa xhieda ta’ dedikazzjoni fost ħutu r-reliġjużi l-aktar meta faqqgħet il-pesta f’Lima u fil-kulleġġ ta’ S. Crux fejn kien jgħin lit-tfal ċkejknin ta’ Lima. Kienu jgħidulu, “il-missier tal-karità”. Kellu mħabba kbira lejn l-annimali u fihom kien jara s-sbuħija t’Alla u kien jipprovdilhom x’jieklu u jfejjaqhom meta jkunu miġruħin.

Il-qima lejn Martin de Porres

Martin kien verament il-qaddej t’Alla f’ħutu l-bnedmin, għex ħajja għas-servizz tal-aħwa. Meta kien għalaq is-sittin sena nħakem minn deni qawwi ħafna li tefgħu f’sodda u li ma qamx aktar minnha.Hu miet fit-3 ta’ Novembru 1639 f’Lima. Il-Kapitlu Ġenerali tal-1938 għażlu bħala protettur tal-koperaturi Dumnikani. Il-qima tal-poplu, il-grazzji u l-mirakli li twettqu bl-interċessjoni tiegħu taw bidu għallproċess tal-beatifikazzjoni fl-1660. Hu ġie bbeatifikat fid-29 ta’ Ottubru 1837 mill-Papa Girgor XVI. Fid-9 ta’ Ġunju 1926, il-Papa Piju XI ta bidu għall-kawża tal-kanonizzazzjoni tiegħu. Kien diġa’ miqjum fl-Ordni Dumnikan u fil-Peru kollu u l-festa tiegħu bdiet tiġi ċċelebrata f’ħafna djoċesijiet fl-Amerika, fl-Afrika u fl-Asja. Fl-10 ta’ Jannar 1945, Piju XII iddikjarah Patrun tal-ħidmiet tal-ġustizzja soċjali fil-Peru. Fis- 6 ta’Mejju 1962 il-Papa Ġwanni XXIII iddikjarah qaddis li bil-ħajja u l-ħidma tiegħu ġab ‘il quddiem l-emanċipazzjoni tas-suwed u għeleb kull differenza razzjali u ta’ klassi u ġab il-vera fraternità fost il-bnedmin. Il-festa tiegħu tiġi ċċelebrata fit-3 ta’ Novembru. Fid 29 ta’ April 1966 il-Papa Pawlu VI pproklamah Patrun tat-Televiżjoni u tal-iskejjel fil-Peru.

S. Martin de Porres ħallielna diversi eżempji qaddisa biex nimxu fuqhom. Kien bniedem umli: qabel daħal ilkunvent, fil-komunità reliġjuża u fost il-poplu dejjem tas-servizz tiegħu bl-akbar imħabba. Iżda waqt il-ħinijiet twal fil-karità mal-proxxmu żamm ruħu ħaġa waħda m’Alla bħala bniedem ta’ talb. Kien isib ħin bil-lejl biex jitlob u jitħeġġeġ fid-devozzjoni tiegħu lejn l-Ewkaristija u lejn Kristu Msallab. Huwa jgħallimna l-valur tax-xogħol bħala kontinwazzjoni tal-ħidma kreattiva t’Alla u għas-servizz tal-aħwa. Inkunu bieżla u naħdmu biex naqilgħu l-għixien tagħna, noffru ħidmietna bħala talba ‘l Alla u naħdmu għal soċjetà aħjar.

S. Martin de Porres

L-Omilija tal-Papa Ġwanni XXIII fil-kanonizzazzjoni ta’ S. Martin de Porres

San Martin de Porres bl-eżempju ta’ ħajtu jurina liema hi t-triq li twassalna għall-qdusija u s-salvazzjoni, it-triq li Ġesù stess jurina. Din it-triq hi li tħobb ‘l Alla fuq kollox b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, b’ moħħok kollu u tħobb ‘l għajrek bħalek innifsek. Meta għaraf li Kristu bata għalina u tgħabba bi dnubietna sa fuq is-salib Martin tqanqal b’imħabba kbira għal Kristu msallab u meta kien jikkontempla t-tbatijiet ħorox li l-Mulej ġarrab għalina, ma kienx jista’ jżomm id-dmugħ. Kellu mħabba speċjali għall-Ewkaristija, kien jgħaddi sigħat sħaħ jadura ‘l Ġesù moħbi fit-tabernaklu u dejjem kellu xewqa kbira li jirċevih fit-tqarbin. Martin kollu ħeġġa biex iħares bir-reqqa kollha ttwissijiet tal-Imgħallem kellu mħabba liema bħalha għal ħutu, imħabba li kienet ġejja mill-qawwa tal-fidi tiegħu u mill-umiltà tiegħu.Kien iħobb lill-bnedmin kollha għax kien iqishom ilkoll ulied Alla u ħutu u jħobbhom aktar milli iħobb lilu nnifsu għax tant kien umli li jaħseb li kulħadd kien aktar ġust u itjeb minnu. Kien dejjem lest jiskuża nnuqqasijiet tal-oħrajn u jaħfer l-agħar tkasbir għex kien jidhirlu li jistħoqqlu l-akbar kastigi minħabba dnubietu; kien jagħmel ħiltu biex ireġġa’ l-ħatjin lura fit-triq it-tajba; b’tjieba liema bħalha kien idur bil-morda; kien iqassam ikel, ilbies u mediċina lill-foqra; kien jgħin sa fejn jista’ b’kull mezz u b’ħerqa kbira lill-bdiewa, lis-suwed u lin-nies ta’ razzamħallta, li dak iż-żmien kienu trattati agħar mill-ilsiera u stħaqqlu n-nies isejħulu, “Fra Martin tal-karità”. Dan il-qaddis li bi kliemu u bl-eżempju tal-imġiba tajba tiegħu, ġibed ħafna nies għand Alla, illum ukoll jista’ jerfagħlna b’mod tal-għaġeb ħsibijietna lejn is-sema. Mhux kulħadd, jaħasra, jifhem kif jixraq dawn il-ħwejjeġ qaddisa, mhux kulħadd jagħtihom ġieħ, anzi tant huma dawk li jħajjarhom il-ħażen, li dawn il-ħwejjeġ jew ma jistmawhomx jew idejquhom jew jitraskurawhom. Jalla l-eżempju ta’ San Martin ikun ta’ tagħlim għal ħafna biex jurihom it-triq tassalvazzjoni ħa jifhmu kemm hi ħaġa sabiħa, kemm hi ħaġa qaddisa timxi wara Ġesù Kristu u tħares il-kmandamenti tiegħu.

Talba: O Alla, int għaddejt lil San Martin de Porres mit-triq tal-umiltà biex wassaltu fil-glorja tas-sema’ agħmel li ngħixu fuq l-eżempji sbieħ tiegħu biex jistħoqqilna li terfagħna miegħu fis-sema. B’Ibnek.

Join Newsletter
Get the latest news right in your inbox. We never spam!
P. Claudio Borg O.P.
Written by P. Claudio Borg O.P. Follow
Patri fil-Kunvent tal-Lunzjata