xandar il-kelma,

Novizzjat u l-Istudentat tad-Dumnikani f'Malta

P. Claudio Borg O.P. P. Claudio Borg O.P. Follow May 05, 2019 · 7 mins read
Novizzjat u l-Istudentat tad-Dumnikani f'Malta
Share this

Fis-sena 1479, kien hemm diġà mibni post għan-novizzjat fil-kunvent ta’ S. Marija tal-Għar, tal-patrijiet Dumnikani, fir-Rabat, Malta. Ma nstabet l-ebda dokumentazzjoni li dan, malli nbena, beda jintuża mill-ġuvintur Maltin għaż-żmien ta’ prova qabel il-professjoni tagħhom fl-Ordni tal-Predikaturi jew għall-istudji li l-professi kienu jagħmlu qabel jieħdu l-quddiesa; iżda hu mifhum li dan il-post tan-novizzjat sewa għall-inqas biex il-patrijiet setgħu jiġbru fih u jħejju bit-tagħlim meħtieġ lil dawk li xtaqu jħaddnu l-Ordni ta’ S. Duminku.

B’hekk jitfisser kif, fl-aħħar snin tas-seklu ħmistax, il-għadd tal-patrijiet Maltin fil-kunvent imsemmi żdied u ssokta joktor fis-snin ta’ wara. Sa fejn hu magħruf, in-novizzjat li kien hemm fil-kunvent tad-Dumnikani tar-Rabat beda jintuża għaż-żmien ta’ prova qabel il-professjoni mill-bidu tas-seklu sittax ’il quddiem. Madwar l-1506, ġuvnott ta’ madwar it-tnax-il sena, iben Lucia u Giuliano Farrugia, mill-Qrendi, dan għamel in-novizzjat li kien hemm fil-kunvent tad-Dumnikani tar-Rabat beda jintuża għaż-żmien ta’ prova qabel il-professjoni mill-bidu tas-seklu sittax ’il quddiem. Madwar l-1506, ġuvnott ta’ madwar tnax-il sena, iben Lucia u Giuliano Farrugia, mill- Qrendi, ġie mlibbes bħala Dumnikan u mogħti l-isem ta’ fra Giorgio; dan għamel in-novizzjat fil-kunvent imsemmi u meta kellu 14-il sena għamel il-professjoni; wara baqa’ wkoll għal xi żmien fl-istess kunvent? Waqt li fra Giorgio Farrugia kien qiegħed jagħmel is-sena ta’ prova, hu wisq probabbli li flimkien miegħu kien hemm in-novizz Manfredo de Episcopo, iben Giovanni u Francesca, mill-Imdina; dan ġej mill-fatt li l-imsemmi Manfredo qabel ma pprofessa għamel hawn Malta - fis-26 ta’ Marzu tal-1507, għand in-nutar Bartolomeo Sillato - l-att tar-rinzja tal-ġid li kellu, kif kien u għadu jsir qabel il-professjoni. Fis-sena 1532, il-pirjol P. Marco Mula xedd il-libsa ta’ Dumnikan lil Fra Gerolamo Mamo - wara li dan kien ġie edukat sa minn ċkunitu fl-istess kunvent tad-Dumnikani tar-Rabat. Għalkemm l-imsemmi Fra Gerolamo għamel in-novizzjat u pprofessa fil-kunvent ta’ Noto, fi Sqallija, iżda fid-29 ta’ Mejju tal-1534 raġa’ kien fil-kunvent tar-Rabat flimkien man-novizzi Fra Simone Vella, Fra Antonino Ellul u Fra Marco Pace. In-novizzi professi Vella u Pace kienu wkoll fl-istess kunvent fil-15 ta’ Mejju tal-1536 u fis-26 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara; fl-ewwel data msemmija, flimkien magħhom, kien hemm in-novizz jew l-istudent Fra Giuseppe Scicluna. Ellul u Pace jissemmew li kienu wkoll fl-istess komunità fil-21 ta’ Ottubru tas-sena 1538, waqt li fit-30 ta’ Ottubru tas-sena ta’ wara kien hemm Mamo u Ellul; iżda ma jistax jingħad b’ċertezza jekk, fl-aħħar snin imsemmija, Ellul, Pace u Mamo kinux għadhom studenti inkella kinux digà laħqu saċerdoti.

Bla tlaqliq xejn, il-fatti msemmija juru li, fl-ewwel nofs tas-seklu sittax, fil-kunvent tad-Dumnikani tar-Rabat mhux biss kienu jitrawmu l-ġuvintur li kellhom il-fehma jħaddnu l-ordni tal-Predikaturi, iżda wkoll kien hemm min għamel in-novizzjat, ipprofessa u saħansitra għamel sehem mill-istudji li kienu jsiru qabel is-saċerdozju. Dan ma jfissirx li fil-kunvent imsemmi ordinarjament kien hemm im­waqqaf in-novizzjat u l-istudentat, għalkemm ma tistax titwarrab għalkollox il-possibbiltà li seta’ kien hekk, l-aktar jekk jitqiesu ċ-ċirkustanzi partikulari tad-Dumnikani f’Malta li kienu maqtugħin mill-kunventi tal-provinċja tagħhom u l-ibħra li kienu jifirduhom kienu mhedda bla waqfien mill-pirati Torok u berbri.

Mis-sena 1540 sal-Assedju l-Kbir tal-1565, ma jissemmewx aktar reliġjużi Dumnikani li għamlu sehem mill-istudji tagħhom fil-kunvent tar-Rabat; iżda matul l-istess medda ta’ żmien, kien hemm diversi studenti Dumnikani fil-kunvent tal-Lunzjata, fil-Birgu. Din il-bidla seħħet min­ħabba li l-kunvent tal-Lunzjata kiseb importanza kbira ħafna wara li l-Kavallieri tal-Ordni ta’ S. Ġwann ġew Malta u għażlu li jgħammru fil-Birgu; fil-fatt, dan il-port, f’qasir żmien, inbidel għalkollox tant li beda jissejjaħ mill-istess kavallieri ‘Belt Ġdida’. L-ewwel dokumentazzjoni li fil-kunvent tal-Birgu kien hemm xi studenti Dumnikani hi meta, fit-13 ta’ Awwissu tas-sena 1542, flimkien mal-komunità ta’ dan il-kunvent kien hemm erba’ novizzi: Fra Damiano Taliana, Fra Vincenzo Dimech, Fra Giovanni Battista Filo Greco u Fra Antonino Abela; dawn kienu diġà għamlu sehem mill-istudji tagħhom, tant li l-Isqof Domenico Cubelles, fit-8 ta’ April tal-istess sena 1542, tahom it-tonsura fl-Ordinazzjoni li kien għamel fil-knisja tal-Lunzjata; aktarx li Taliana u Filo kienu ilhom ftit li bdew l-istudju billi sentejn wara, fl-1544, l-ewwel wieħed kien djaknu u l-ieħor suddjaknu. Fis-snin ta’ wara kien hemm novizzi professi oħra fil-kunvent tad-Dumnikani fil-Birgu; fit-13 ta’ Awwissu tal-1555 kien hemm Fra Angel Felici u Fra Antonio Ingomes; dawn kienu diġà studenti tat-teoloġija għaliex fit-30 ta’ Jannar tas-sena 1556, mhux biss jissemmew li kienu fil-komunità tal-kunvent imsemmi, iżda jingħad espressament li, flimkien ma’ Fra Francesco Xileype, kienu diġà djakni. Fit-28 ta’ Jannar tal-1557, Felice, Ingomes u Xileype kienu għadhom studenti. Fit-2 ta’ Diċembru 1558, kien hemm Fra Francesco Fiteni u Fra Pietro Antonio Bellia; mhux magħruf jekk dawn kinux diġà professi. Fiteni kien ukoll fl-istess kunvent fil-21 ta’ Mejju, 1561, u fl-4 ta’ Diċembru, 1562; dan aktarx kien għadu student billi fl-aħħar sena msemmija kellu biss 21 sena.

Il-lista li ngħatat hawn fuq bl-ismijiet tad-Dumnikani li qabel l-Assesdju l-Kbir tal-1565, għamlu n-novizzjat jew sehem mill-istudju f’wieħed miż-żewġ kunventi tad-Dumnikani f’Malta hi nieqsa ħafna. Ir-reġistri ta’ dak iż-żmien tal-kunventi Dumnikani tar-Rabat u tal-Birgu nqerdu kollha barra minn ftit kopji nutarili; dawn, flimkien mal-atti li hemm fl-Arkivju Nutarili tal-Gvern, huma d-dokumentazzjoni ewlenija tal-lista msemmija. Il-kittieb ġabar, mill-atti tan-nutari, sensiela ġmielha tal-komunitajiet li kienu fiż-żewġ kunventi li l-patrijiet Dumnikani kellhom f’Malta qabel l-Assedju l-Kbir. Minkejja dan, ma setgħetx tingħata lista aħjar minn dik li ngħatat, għaliex in-nutari ordinarjament ma kinux iniżżlu lin-novizzi u lill-istudenti mal-komunitajiet reliġjużi, u meta ġie li ġabuhom mhux dejjem għamlu distinzjoni bejnhom u l-patrijiet. Għaldaqstant, għandu jitħalla marġni wiesgħa fil-għadd li ngħata tar-reliġjużi Dumnikani li għamlu n-novizzjat jew sehem mill-istudju tagħhom f’Malta qabel l-1565.

Minħabba n-nuqqas ta’ dokumenti ma jistax jingħata tagħrif biżżejjed dwar it-tagħlim li kien isir mill-patrijiet Dumnikani lill-postulanti, lin-novizzi u lill-istudenti tagħhom f’Malta. Ma hemm l-ebda dubju li, fost l-oħrajn, kienu jgħallmuhom il-Latin u t-Taljan (li kien meħtieġ għal-Latin); il-Latin kien meħtieġ biex wieħed seta’ jipprofessa fl-Ordni Dumnikan u jieħu l-Ordni Sagri. Fil-fatt, fil-Kapitlu Ġenerali ta’ qabel u wara - ġie ordnat li ħadd ma seta’ jiġi aċċettat għall-professjoni, bħala kleriku, jekk ma jkunx jaf jaqra sew u jgħid waħdu l-uffiċċju divin (bil-Latin), kif ukoll ikun kapaċi jitgħallem il-grammatika; l-istess Kapitlu Ġenerali tas-sena 1515 ried li ħadd ma għandu jkun ordnat suddjaknu, djaknu u saċerdot, jekk ma jkunx imħarreġ tajjeb fil-grammatika tant li jkun jaf jitħaddet u jikteb il-Latin bla żbalji.

L-istudenti li kien hemm fil-kunvent tar-Rabat aktarx studjaw biss il-letteratura; iżda dawk li kienu fil-kunvent tal-Lunzjata għamlu wkoll sehem mill-istudji tal-filosofija u tat-teoloġija. Ċertament dawk li studjaw f’Malta ma kellhomx l-istess edukazzjoni li kien ikollhom kieku marru jistudjaw barra minn Malta, f’kunventi oħra Dumnikani fejn kien hemm imwaqqfa l-Istudji Ġenerali, bħalma kienu l-kunventi ta’ Palermo, Messina, Napli u oħrajn. Sas-sena 1518, it-tagħlim fil-kunvent tar-Rabat seta’ jsir mill-baċillier P. Pietro Xara, li kellu ħila biżżejjed biex jgħallem mhux biss il-Latin iżda wkoll il-filosofija u t-teoloġija; imma, fis-snin ta’ wara, ma kien hemm l-ebda lettur fil-kunvent imsemmi.

Fil-kunvent tal-Lunzjata, fil-Birgu, it-tagħlim seta’ jsir aħjar, għaliex meta fih kien hemm l-ebda lettur fil-kunvent imsemmi. Fil-kunvent tal-Lunzjata, fil-Birgu, it-­tagħlim seta’ jsir aħjar, għaliex meta fih kien hemm l-istudenti kien hemm ukoll patrijiet gradwati fit-teoloġija; fis-sena 1540 kien hemm P. Francesco de Foromsa, S.Th.D.; u meta fil-kunvent kien hemm it-tliet djakni, Xileype, Feliċi u Ingomes, kien hemm P. Damiano Taliana, S.Th.D., li kien għadu kemm temm u ġie lura mill-istudji li għamel f’Napoli. Fost in-novizzi u l-professi li għamlu sehem mill-istudji tagħhom f’Malta, kien hemm min kien dgħajjef il-istudji u min kien intelliġenti. Fost tal-ewwel kien hemm Fra Simone Vella u Fra Francesca Fiteni; iżda dawn it-tnejn kienu jinqalgħu għat-tmexxija tant li l-ewwel wieħed inħatar pirjol tal-kunvent tar-Rabat fis-snin 1549 u 1567-68, u l-ieħor ingħażel pirjol tal-Lunzjata fis-snin 1567-68 u bosta drabi vigarju tal-kunvent kif ukoll kappillan tal-parroċċa tal-Portu Salvu li d-Dumnikani kellhom fil-Belt. Fost l-istudenti intelliġenti ta’ min isemmi lil Fra Damiano Taliana u lil Fra Vincenzo Dimech; Taliana laħaq majjistru, u Dimech kien tabilħaqq jilħaqlu biex inħatar mill-patrijiet tal-Birgu ħalli jmur Ruma jiddefendi l-jeddijiet tagħhom dwar il-knisja tal-Lunzjata.

Minn madwar nofs is-seklu sittax jew qabel, il-patrijiet Dumnikani f’Malta bdew iġarrbu nuqqas ġmielu fil-vokazzjonijiet; fil-fatt, waqt li fis-sena 1553, fiż-żewġ kunventi Dumnikani, fir-Rabat u fil-Birgu, kien hemm sitta u għoxrin reliġjuż, għaxar snin wara kien hemm sittax biss; l-istess nuqqas fil-għadd issokta jiżdied fis-snin ta’ wara; dan kien sehem mill-kriżi li, f’dak iż-żmien, għadda minnha l-Ordni tal-predikaturi. Il-qagħda mwiegħra tal-Ordni Dumnikan tfissret sew mill-Ġenerali tal-Ordni tal-Predikaturi li sar f’Ruma fis-sena 1558, kif ukoll fil-Kapitlu, il-Ġenerali li sar f’Ruma fis-sena 1558, kif ukoll fil-Kapitlu Ġenerali li sar f’Avignone fis-sena 1561.

Fl-aħħar Kapitlu, il-Ġeneral imsemmi stqarr kif provinċji sħaħ inqerdu għalkollox, oħrajn ma baqax fihom ħlief kunvent wieħed jew tnejn, ħafna mill-istudji tal-Ordni kif ukoll Dumnikani għorrief intilfu, u bosta mill-knejjes Dumnikani jew inbidlu għall-użu profan jew ma baqgħux iffrekwentati aktar. Kieku t-Torok fl-Assedju l-Kbir tal-1565 irnexxielhom jirbħu lil Malta, il-kunventi Dumnikani ta’ din il-Gżira, aktarx, kienu jkunu magħduda fost il-kunventi mitlufa għalkollox.

Join Newsletter
Get the latest news right in your inbox. We never spam!
P. Claudio Borg O.P.
Written by P. Claudio Borg O.P. Follow
Patri fil-Kunvent tal-Lunzjata