aħbarijiet dumnikani,

PROFESSJONI SOLENNI

P. Claudio Borg O.P. P. Claudio Borg O.P. Follow Apr 05, 2020 · 7 mins read
PROFESSJONI SOLENNI
Share this

Nhar it-Tnejn, 23 ta’ Settembru, 2019, Fra Ryan Theuma, dumnikan, għamel il-professjoni solenni tiegħu f’idejn il-Provinċjal Patri Frans Micallef OP, fil-knisja Parrokkjali tal-Porto Salvu u San Duminku, fil-Belt Valletta. Il-professjoni solenni jew perpetwa fi ħdan l-Ordni Dumnikan hija l-mument fejn ir-reliġjuż iwiegħed lil Alla, lil Marija Santissima, lil San Duminku u lis-superjuri tiegħu fl-Ordni, li jgħix ħajja kkonsagrata permezz tal-voti tal-ubbidjenza, faqar u safa.

Fra Ryan twieled il-Belt Valletta fil-21 ta’ Novembru, 1993, millġenituri tiegħu Gaetano u Josephine. Huwa studja fl-iskola primarja tal-Gvern fil-Belt u fl-skola sekondarja, Santa Venera. Ta’ għoxrin sena ingħaqad mad-Dumnikani u beda l-prenovizzjat fil-Kunvent tal-Madonna tal-Għar, ir-Rabat, u fit-08 ta’ Settembru 2015 ħa llibsa dumnikana u beda n-novizzjat. Għamel il-professjoni temporarja għal tlett snin fit-12 ta’ Settembru 2016. Fl-2018 huwa ġie ttrasferit fil-Kunvent tal-Madonna ta’ Fatima, Gwardamanġa, fejn hemm ġie ppreparat għall-professjoni solenni biex jgħix il-ħajja reliġjuża bħala fratell dumnikan.

Fra Ryan jgħidilna “Jiena bħala fratell koperatur inżomm ilmudell tiegħi lil San Martin de Porres, fratell dumnikan li kellu ħafna għal qalbu l-għajnuna lill-fqar. Barra minn hekk hu apprezzat ħafna fil-ħidma tiegħu għaliex kien dak il-bniedem li dejjem għen u qeda l-komunita. Il-fratell dumnikan, għalkemm mhuwiex saċerdot, irid jgħix ukoll il-kariżma tal-predikazzjoni billi jxandar ilkelma bil-fomm u bl-eżempju. Bħalissa jien qed nipprova nwettaq din il-pastorali fil-Kulleġġ San Albert il-Kbir mal-istudenti u wkoll fil-Parroċċa tal-Madonna ta’ Fatima, Gwardamanġa. Nieħu l-okkażjoni biex waqt li nitlob għall-vokazzjonijiet dumnikani, inħeġġeġ liż-żgħażagħ biex ma jaqtgħux qalbhom quddiem ilproblemi tal-ħajja li jfixklu l-vokazzjoni tagħhom.”

Il-presbiteru kien l-anzjan tal-komunita nisranija tal-bidu. Kien il-bniedem mogħni bit-tagħlim dwar il-verita u msejjaħ biex ifassal ħajtu fuq il-verita li hija Kristu. Għalhekk mażżmien ġie imsejjaħ ‘Alter Christus’: Kristu ieħor. Il-magħżul mill-komunita nisranija għall-komunita u għalhekk kellu responsabilita kbira. Kull ma jagħmel irid jagħmlu f’isem Kristu. Kellu jkun imħarreġ fil-kotba mqaddsa u dak it-tagħlim li hu kien jixrob mill-għejun tal-kelma kien iwasslu lill-poplu bħala ikel bnin għas-salvazzjoni ta’ kull bniedem. Dan ma kienx biss l-ikel li kien jaqsam ma’ ħutu, kien u għad hemm ikel ieħor, ikel ħaj daqs l-Kelma li kien jxandar: L-Ewkaristija l-ikla li tagħqqad. Grazzja liema bħala, li jservi fuq il-mejda tal-Kelma u tal-Ġisem u d-Demm tal-Mulej, mejda waħda ta’ għaqda fl-imħabba li hija l-istess natura ta’ Alla: Missier, Iben u Ruħ il-Qodos. X’sejħa akbar jista’ wieħed ikollu li jkompli tul issnin tal-ħajja tal-Knisja li jiċċelebra l-ġmiel hekk qadim u hekk ġdid, kif kien sejjaħlu Santu Wistin. Dan il-Misteru għandu jkun il-qafas tal-ħajja ta’ kull midluk tal-Mulej. Dik id-dilka fuq idejn il-presbiteru mill-Isqof tagħtih timbru, karattru jew siġill. Dan għandu jfisser għal presbiteru li mhux aktar tiegħu nnifsu iżda għandu jkun dejjem mogħti għal dak li hu ta’ Alla lejn ilbnedmin u li Alla jintwera lill-bnedmin permezz tiegħu.

Ħajjet dak li jqaddes għandha tkun raġġ ta’ ġmiel u qdusija quddiem il-bnedmin minkejja d-dgħjufija tiegħu. Id-dgħjufija tas-saċerdot għandha tkun ta’ nigza, ta’ xewka, sabiex jagħmel l-almu tiegħu u ħajtu kuljum titqaddes dejjem aktar. Ilpresbiteru qiegħed hemm bejn Alla u l-bniedem u miskin hu dak il-presbiteru li jkun ta’ skandlu quddiem il-komunita li qed tħares lejh bħala far fuq il-blat. Mhux li qatt ma jirrabja, jew qatt ma jħossu għajjien, qalbu maqtugħa u waħdu; għax nistgħu ngħidu li Kristu Ġesu’ ukoll għadda minn dan. Is-saċerdot irid jirbaħ kollox fih innifsu għal Kristu li fuqu għandha titfassal ħajtu. Alla jinqeda bil-kollox tiegħu, bit-trobbija tal-presbiteru, il-karattru tiegħu, is-soċjieta li fiha jaħdem, kollox huwa għallfini ta’ imħabbet Alla. Il-grazzja ta’ Alla tagħġen u sawwar lil dan il-bniedem magħżul sabiex ikun jista’ jikber fil-qdusija u ta’ madwaru jiddakru minnu. Miskin hu dak is-saċerdot li ħalla lilu nnifu jitkaxkar mill-poter, l-ambizzjoni u ġibdiet oħra li jkissru fih is-sejħa li nibbet Alla fih, sejħa li jqaddes u jitqaddes.

Nista’ ngħid li Alla beda jxettel fija din is-sejħa sa minn eta bikrija ta’ sitt snin. Mhux se noqogħod nilgħab bil-kliem u ngħid għax kont mogħti għall-ħajja mtajra, xalar u Alla fittjubija tiegħu ġibidnbi minn xagħari, għalija xejn minn dan; ma għandi l-ebda diżunur ngħid dan għax sempliċement kelli trobbija tajba. Kont għadni fuq il-bankijiet ta’ l-iskola u kull meta fil-ktieb tar-reliġjon kont nilmaħ disinn ta’ Ġesu maxxatt qiegħed isejjaħ lil ulied Żebedew, qalbi kienet tinħattaf minn dik il-ġrajja. Maż-żmien ma nistax ma’ ngħidx li kelli ħajriet oħra, għax nafu biżżejjed l-adolloxenża x’ħajriet iġġib magħha. Il-ħajja ta’ għalliem kienet tħajjarni tassew. Fil- fatt kelli ħajra sabiex insir brother tal-Freres u maż-żmien, jien li kont nattendi l-iskola tagħhom, ma bqajtx daqsek inklinat li nwettaq dan. Il-ġibda li nifforma familja tiegħi kienet qawwija.

Ma nistax nġerġer mit-trobbija li kelli, familja li dejjem għallmitni li Alla għandu jkollu dejjem l-ewwel post. Ommi ex-għalliema u missieri jwettaq tlett xogħlijiet ta’ radar technicion, compounder u jbiħ il-mediċini u llum ninkina ruħi quddiemhom għall-eżempju li tawni. Kemm jista’ jkun kienu jżommu bilanċ bejn dixxiplina u ħajja normali tal-familja. Huwa minnu li ma kontx tiċċajta magħhom, ħarsa kienet tkun biżżejjed biex tieqaf minn dak li tkun qed tagħmel ħażin. Din ilħajja saħħitni sabiex ma naqtgħax qalbi quddiem difikultajiet. Ta’ xi tnax jew tlettax il-sena għaddejt minn mumenti ta’ mard fis-sinsla. Din kienet prova kbira għax bqajt inbagħti b’din ilkundizzjoni sa llum, iżda din l-esperienza kompliet tkabbarni fil-fidi tiegħi f’Alla, għax kif kiteb San Pawl: Fejn jiena dgħajef jien qawwi. Dak il-ħin ma fhimtx, u llum nista’ nifhem lil ħaddieħor fit-tiġrib ta’ mard tiegħu, l-aktar meta ma jkunx hemm fejqan sħiħ għalih. Jien kont l-ewwel wieħed li tlaqt mid-dar. Is-saċerdoti li kienu jgħallmuna l-ikola tawni eżempju tajjeb. Għadni niftakar fihom sa llum, nista’ ngħid li kollha għaddew għall-ħajja oħra. L-universita wkoll Alla pprovda nies li ndirizzawni biex inkompli nsus wara dak li dejjem x’taqt nagħmel f’ħajti. Isseħibt ma’ l-Ordni tal-Predikaturi fit-18 ta’ Jannar 1989. Għaddejt sitt snin fil-formazzjoni r-Rabat, tlieta minnhom f’Ruma fejn għamilt l-aħħar snin tat-tejoloġija fl-Universita Pontifiċja ta’ l-Angeliku, universita mmexxija mill-Predikaturi stess ta’ San Duminku. Temmejt f’Ruma l-Baċellerat fit-Tejoloġija u bdejt l-ewwel sena tal-Liċenzja fit-Teoloġija Dommatika. F’nofs is-sena tal-Liċenzja minħabba li erġajt mradt u kelli niġi Malta. Wara diversi snin komplejt l-istudju tiegħi fl-Universita ta’ Malta fejn temmejt l-istudji tiegħi fil-Liċenzja fit-Teologija. Ġejt ordnat presbiteru fit-8 ta’ Lulju 1994. Niftakar li kien jum fejn ix-xemx kienet taqli l-ankri. Ħassejt ħerqa liema bħala għal waqt meta l-Aċisqof, li kien Mons. Ġużeppi Merċieqa, iqiegħed idejh fuqi, jidlikli idejja bilbalzmu u jqiegħed il-kalċi bil-patena f’idejja. Konna għaxra sabiex niġu ordnati u wieħed għad-djakonat. Mill-għaxra għas-saċerdozju tlieta konna mill-Ordni tal-Predikaturi: Fr. Michael Camilleri O.P., Fr. Claudio Borg O.P. u jien. Nista ngħid li ċ-ċerimonja għaddiet bħal ħolma, kif jgħidu ‘addio sħana’, l-anqas il-għadd ta’ nies quddiemek u dak li tkun għaddejt minnu sa kemm wasalt għal dan il-waqt ta’ ġmiel liema bħalu ma jgħaddi minn moħħok. Nirringrazzja lil Alla sa llum li biex wasalt fejn qiegħed ma sibtx fsied, u għal dawk li ppruvaw ixekklu milli nasal fejn waslt, minn qalbi, illum nroddilhom ħajr, għax permezz tagħhom għaraft insir saċerdot bis-saħħa ta’ Alla. Nagħti ħajr lil tad-dar: ommi, missieri u hija ta’ dak kollu li tawni; trobbija tajba mill-ġenituri u pariri tajbin min ħija li hu ikbar minni. Ħajr lill-patrijiet tal-Ordni tal-Predikaturi, uhud minnhom ma għadhomx magħna, tal fiduċja li wrew fija fis-snin tal-formazzjoni u tħejjija għall-Ordni Sagri. Ħajr il-ħbieb li magħhom kont naqsam l-esperienzi tiegħi u li dejjem kienu ta’ appoġġ fit-talb tagħhom. F’dawn il- ħamsa u għoxrin sena, għaddejt sena r-Rabat, tlett snin fil-kunvent tas- Sliema, ħmistax-il sena l-Belt Valletta, li minnhom għaddejt sena l-Albanija u sena oħra Ruma fejn studjajt l-Ikonografija Biżantina. Issa assenjat fil-komunita tal-Belt Vittorjosa l-Birgu fejn ili nagħti s-servizz tiegħi għal dawn l-aħħar sitt snin.

Ġesu’ jgħidilna biex ma nużgħux il-moħriet u nħarsu lura. Il-ħajja ta’ ħadd mhi faċli, u ta’ kulħadd jkollu t-tlugħ u nżul, biss Alla dejjem ħassejtu ferm qrib tiegħi għax dejjem ipprovdili diretturi spiritwali qaddisa li għarfu jmexxuni, jiġbduli l-attenzjoni fejn żbaljajt u kif intejjeb l-istat tiegħi. Kollha dejjem widbuni li mhux la kemm wieħed isir saċerdot, izda kemm is-saċerdot jkseb il-qdusija u jqaddes. Ta’ dan kollu ħajr dejjem lil Alla u lil Ommu Marija: Deo Gratias et Mariae.

Join Newsletter
Get the latest news right in your inbox. We never spam!
P. Claudio Borg O.P.
Written by P. Claudio Borg O.P. Follow
Patri fil-Kunvent tal-Lunzjata