xandar il-kelma,

San Vinċenz Ferrer

P. Claudio Borg O.P. P. Claudio Borg O.P. Follow May 07, 2019 · 6 mins read
San Vinċenz Ferrer
Share this

Fis-seklu 14, l-Ewropa u l-Knisja għaddew minn żminijiet koroh. Kien hemm taqlib fis-soċjetà, xiżma fil-Knisja u ħajja Nisranija mdgħajfa. B’ doni tal-Ispirtu s-Santu u mogħni b’setgħa appostolika Vinċenz ġera l-Ewropa fejn wera ruħu bħala predikatur kariżmatiku u għamel ħafna ġid għall-erwieħ. L-ispiritwalità tiegħu hi appostolika u kristoċentrika għax fiha wieħed jimita lil Kristu bħala eżempju tal-akbar qdusija u mudell tal-appostli. Bħala Dumnikan fittex il-verità fit-teoloġija, fl-Iskrittura u f’ubbidjenza lejn il-maġisteru tal-Knisja.

Il-bidu ta’ ħajtu bħala Dumnikan

Fit-23 ta’ Jannar 1350 Vinċenz twieled f’Valencia minn Guliermu Ferrer u Kostanza Miguel li kellhom familja kbira u reliġjuża u magħrufa għall-karità kbira lejn il-proxxmu. Jingħad li missieru kellu ħolma profetika li ibnu kien ser ikun famuż mad-dinja kollha. S. Vinċenz ġab miegħu dispożizzjoni tajba għat-tagħlim u l-qdusija li għamlu progress bl-istudju u edukazzjoni tajba. Meta ta’ sitt snin beda l-istudji tiegħu wera progress kbir. Imrobbi f’familja tajba beda juri xewqa kbira lejn it-talb, il-penitenza u l-għajnuna lejn il-foqra. Huwa kien imur jitlob f’diversi knejjes, kellu
devozzjoni kbira lejn il-Passjoni ta’ Kristu u kien isum l-Erbgħat u l-Ġimgħat kollha tas-sena. Ta’ sbatax-il sena daħal fl-Ordni Dumnikan, fil-kunvent ta’ Valencia. Wara li studja tajjeb ħafna il-ħajja ta’ S. Duminku biex ifassal ħajtu fuqha beda juri ruħu sod fil-ħajja spiritwali, fit-talb u fl-umiltà. Fis-6 ta’ Ottubru 1368 għamel il-professjoni reliġjuża. Studja f’Valencia, f’Barċellona u f’Lerida. Beda jgħallem il-filosofija f’Barċellona. Fl-1376 mar Toloża għal sentejn studju oħra. Wara ġie ordnat saċerdot, reġa’ lura f’Valencia u beda jgħallem it-teoloġija. Hu rċieva d-Dottorat mill-idejn tal-
Kardinal Pietru de Luna, legat tal-Papa Klement VII fl-1378. Fil-Kapitlu ta’ Seo de Urgel tal-1389 ġie nominat predikatur ġenerali. Ix-xiehda tal-ħajja spiritwali tiegħu kompliet tidher fil-ktieb tiegħu,“Il-Ħajja Spiritwali.” Kompla jistudja l-Ebrajk, il-Bibbja u t-Tomiżmu u ltaqa’ ma’ studenti ta’
nazzjonijiet differenti u fehmiet filosofiċi u teoloġiċi diversi. Dan kollu għenu ħafna biex jifhem il-mentalitajiet differenti tad-dinja ta’ żminijietu.

Il-ħidma fejjieda tiegħu fil-Knisja

Il-Knisja kienet għaddejja minn mumenti diffiċli. Wara l-mewt ta’ Girgor IX, fis- 27 ta’ Marzu 1378 inħatar Papa Urbanu VI. Billi dan wera ħeġġa kbira għas-sewwa u webbes rasu li jpoġġi kollox f’postu anki mal-kardinal u l-qassisin, dawn ma ridux joqogħdu iżjed taħtu. Il-kardinali nġabru f’Fondi u bl-għajnuna tar-Reġina ta’ Napli qalu li kienu għażlu lil Urbanu VI bilfors u għax kienu mġegħlin u mheddin mill-poplu ta’ Ruma għażlu lil Klement VII. Fil-fatt dan tal-aħħar sab li l-poplu ma ridux u għalhekk mar ġewwa Avignon fi Franza. Bosta kienu l-ġrajja li wasslu lill-Knisja f’din il-firda. S. Vinċenz ħadem biex reġa’ ġab il-għaqda. L-Insara ma għarfux lil min fost dawn il-papiet għandhom jobdu: min iżomm ma’ naħa u min iżomm m’oħra. Kemm damet il-firda kull Papa kellu għorrief li jgħinuh. Il-Papa Klement VII ma damx ma miet u l-istess kardinali qiegħdu minn floku lill-Kardinal Pietru ta’ Luna li ħa l-isem ta’ Benedittu XIII. Fl-1395 dan il-Papa li kellu qima kbira lejn S. Vinċenz sejjaħlu ħdejh u għażlu bħala konfessur tiegħu u Majjistru tas-sagri Palazzi. Huwa dan tmintax-il xahar jaqdi dmirijietu fil-qorti tal-Papa. Fil-fehma ta’ S. Vinċenz l-għażla ta’ Beneditttu XIII kienet tiswa, iżda ħadem bl-umiltà ħalli tispiċċa din il-firda. Din il-firda weġġgħet ħafna l-qalb tal-qaddis u kien jagħmel ħafna talb u penitenzi għall-għaqda tal-Knisja. Ġara li deni kbir wassal lil Vinċenz f’tarf il-qabar. Kulħadd stennieh imut minn ħin għal ieħor. Benedittu sar jaf li Vinċenz kien ħażin f’saħħtu; mar biex jarah. Kif wasal lemħu qawwi u sħiħ. Vinċenz talbu biex ineħħih mix-xogħol li kellu u jiddedika ruħu għall-predikazzjoni. Għall-ewwel m’aċċettax, offrielu diversi ħatriet iżda fl-aħħar aċċetta t-talba tiegħu. Fit-22 ta’ Novembru 1399 telaq minn Avignon u mar Valencia biex jibda jxandar il-Kelma t’Alla bla heda ma’ Spanja kollha. Bħala qaddis għaref inxteħet b’ħila fuq xogħlu b’tama kbira f’Alla biex jirbaħ l-erwieħ għall-Knisja. Il-prietki tiegħu kienu jisirqu l-qlub tan-nies li kienu jisimgħu l-Kelma t’Alla. Hu pprietka fi Granada, f’Aragona, f’Salamanca, f’Sainte-Baume u f’Marsilja. Bejn l-1410-13 kompla l-ħidma ta’ evanġelizzazzjoni tiegħu fl-Italja: Ġenova, Savona, San Remo, Piaċenza, Milan. Fl-1406-7 żar iċ-ċentru ta’ Franza u Spanja u fl-1408-10 narawh jaħdem fi Spanja.

Għammiel is-sliem

Fl-1410 miet Don Martino, Re ta’ Aragona fi Spanja. Kien hemm ħafna li ppretendew il-kuruna. F’dan it-tfixkil dejjem kienu jistennew li jinqala’ inkwiet serju. Fl-aħħar ftiehmu li jħallu kollox f’idejn disa’ mħallfin. Vinċenz u ħuh Bonifaċju ġew magħżula għas-saltna ta’ Valencia. Wara taħditiet saret il-votazzjoni. Ġie magħżul Ferdinandu. Vinċenz ta l-aħbar lill-kbarat tal-Knisja u tal-Belt. Anki l-Knisja kienet maqsuma fi ġlied. Tliet Papiet ippretendew is-siġġu ta’ Pietru. Vinċenz talab lil Benedittu biex jitlaq ħalli ssir l-għaqda iżda Benedittu qatt ma ried. Inġabar Konċilju Ekumeniku
f’Kostanza fl-1414 imsejjaħ mill-Papa ta’ Ruma, Girgor XII fejn stieden lill-Papiet l-oħra jħallu. Benedittu żamm iebes minkejja l-ftehim li kien sar f’Perpigan fil-preżenza tal-Imperatur Siġismondo. Wara tant tentattivi r-Re Ferdinandu sejjaħ lil Vinċenz biex isir imħallef f’din il-kwistjoni. Hu kkundanna r-ras iebsa ta’ Benedittu u r-re ġiegħel lil ibnu werriet tat-tron biex jiffirma digriet li bih neħħa kull ubbidjenza lejh. Vinċenz qara dan id-digriet lill-poplu. Benedittu tniżżel mis-siġġu tal-Papiet. Il-firda spiċċat, il-Papiet l-oħra telqu, Benedittu ma baqagħlu ebda sudditu. Fl-1417 ġie magħżul Ottone Kolonna minn Ruma li ħa l-isem ta’ Martinu V. Vinċenz qatta’ sentejn fi Franza jipprietka f’Nantes u Vannes. Saħħtu bdiet sejra lura u fil-5 ta’ April 1419 miet f’Vannes u ġie kkanonizzat mill-Papa Kallistu III fid-29 ta’ Ġunju 1455.

Il-Wirt ta’ S. Vinċenz

Il-kobor ta’ ħafna nies jidher mhux biss f’ħajjithom iżda anki wara mewthom. S. Vinċenz ta servizz kbir lill-Knisja f’ħajtu li ħalla effett wara mewtu. Ġera l-Ewropa kollha u bil-kelma kariżmatika tiegħu rnexxielu jikkonverti tant midinbin u jressaqhom lejn il-Knisja. Huwa kien predikatur Dumnikan kbir għax fuq l-eżempju ta’ S. Duminku ħadem għas-salvazzjoni tal-erwieħ bix-xandir tal-Kelma t’Alla. Kien ħabbar tal-paċi. Imżejjen bl-għerf t’Alla ħadem biex jeqred ix-xiżma. Hekk fil-Knisja reġa’ kien hemm Papa wieħed f’Ruma. Dan id-dinamiżmu tiegħu kien frott tal-virtujiet li fuqhom kienet imsejsa ħajtu. Kien bniedem umli, ta’ talb u ta’ penitenza. Minkejja l-unuri u t-tifħir li kienu jagħtuh in-nies, kien tal-għaġeb fl-umiltà tiegħu li ressqitu lejn Alla u lill-oħrajn lejn il-Mulej. Huwa għamel penitenza bis-sawm u bl-irqad fuq l-injam jew it-tiben. Ħajtu bnieha fuq it-talb. Waqt li jiċċelebra l-quddiesa kuljum kien jitqanqal waqt it-tqarbin. Mal-lejl kien
jitlob u jaqra l-Iskrittura. Huwa mudell għalina għax għaraf jgħaqqad il-ħajja qaddisa mal-ħidma appostolika tiegħu. Huwa jdawwalna biex fuq l-eżempju tiegħu nibnu ħajjitna fuq il-passi ta’ Kristu u naħdmu għall-ġid tal-Knisja u tas-soċjetà.

Siltiet mit-Trattat fuq il-ħajja spiritwali ta’ S. Vinċenz Ferrer

Meta tipprietka u twissi tkellem bis-sempliċità kif titkellem id-dar, jekk trid tfisser xi għemil partikulari; kemm jista’ jkun inqeda bl-eżempji biex il-midneb, jekk ikun waqa’ fid-dnub li ssemmi, iħoss ruħu milqut minn kliemek u jistħajjel li qed tgħid għalih; qis li kulħadd jara li kliemek ma jkunx imqanqal mis-suppervja jew mill-korla imma jkun ħiereġ minn qiegħ qalbek bi mħabba u ħniena ta’ missier, bħalma missier jagħder lil uliedu meta jidinbu, iħoss fil-mard u jisgħob bih jekk jaqgħu f’xi ħofra fonda, minn fejn ifttex li joħroġhom u jeħlishom u jdur bihom b’qalb ta’ omm. Mela tkellem bħal wieħed li jifraħ bil-progress tagħhom u bit-tama li għad jiksbu l-glorja tal-ġenna. Jekk trid tagħmel ġid spiritwali lil għajrek, l-ewwel dur lejn Alla b’qalbek kollha u itolbu bis-sempliċità biex jagħtik il-grazzja li jimliek bl-imħabba; din hi l-ġabra ta’ kull virtù.

Talba: O Alla, bil-predikazzjoni ta’ S. Vinċenz Ferrer int għallimtna nħabirku fit-triq lejn l-art tagħna tas-sema waqt li nistennew is-Salvatur; agħtina nitolbuk li bit-talb tiegħu għalina, imħeġġin fix-xogħol u t-talb infittxu mhux din il-belt li tgħaddi iżda dik li għad trid tiġi. B’ Ibnek.

Join Newsletter
Get the latest news right in your inbox. We never spam!
P. Claudio Borg O.P.
Written by P. Claudio Borg O.P. Follow
Patri fil-Kunvent tal-Lunzjata